Taħt il-fergħa b’ġestjoni kondiviża tal-FSE+, il-Kummissjoni ma tipprovdix finanzjament dirett għall-proġetti. L-Istati Membri u r-reġjuni huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-finanzjament tal-FSE+.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu b’mod ġenerali kif jixtiequ jorganizzaw l-implimentazzjoni tal-FSE+. Bi qbil mal-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jkollhom biss programm nazzjonali wieħed tal-FSE+, jimplimentaw l-FSE+ permezz ta’ sett ta’ programmi reġjonali jew jgħaqqdu ż-żewġ approċċi. L-awtoritajiet maniġerjali tal-FSE+ imbagħad se jagħżlu proġetti abbażi tar-rilevanza tagħhom għall-programmi nazzjonali u/jew reġjonali.
Il-benefiċjarji huma involuti fl-applikazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-FSE u tal-FSE+. Din il-varjetà wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet tinkludi l-amministrazzjonijiet pubbliċi, l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u tal-impjegaturi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), l-organizzazzjonijiet tal-karità u l-kumpaniji. L-individwi li jieħdu sehem fil-proġetti tal-FSE/FSE+ jissejħu parteċipanti. Dawn l-individwi jistgħu jinkludu ħaddiema li jitħarrġu għal ħiliet ġodda, żgħażagħ li qed ifittxu esperjenzi prattiċi ta' xogħol, persuni li jfittxu parir dwar kif jistabbilixxu n-negozju tagħhom stess, kif ukoll tfal jew studenti li jipparteċipaw fi programmi edukattivi u/jew ta’ kura.
L-organizzazzjonijiet u l-individwi interessati li japplikaw għall-finanzjament tal-FSE± – jew li jixtiequ jissottomettu proposta għal proġett – għandhom jikkonsultaw is-siti web nazzjonali u reġjonali tagħhom tal-FSE/FSE+. Inkella, jistgħu jikkuntattjaw lill-Awtorità Maniġerjali tal-FSE+ fil-pajjiż jew ir-reġjun tagħhom.