Skip to main content
Fond Soċjali Ewropew+

FSE+ fi sħubija

L-Istati Membri se jużaw l-FSE+ biex jindirizzaw il-kriżi soċjoekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19. Il-Fond se jappoġġja l-irkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-UE mill-kriżi billi jixpruna l-investiment fl-impjiegi, il-ħiliet u s-servizzi.

Il-biċċa l-kbira tal-baġit tal-FSE+ (€98.5 biljun mit-total ta’ aktar minn €99 biljun) hi mfassla u implimentata fi sħubija bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u s-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati b’approċċ ta’ “ġestjoni kondiviża”.

Il-Fond Soċjali Ewropew Plus hu allineat mill-qrib mar-rakkomandazzjonijiet u mal-analiżijiet tal-pajjiżi pprovduti skont is-Semestru Ewropew – il-qafas għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u soċjali fl-Unjoni Ewropea kollha. L-FSE+ jiffinanzja l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali – element ewlieni tas-Semestru Ewropew – permezz ta’ azzjonijiet fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-ħiliet u l-inklużjoni soċjali.

Konċentrazzjonijiet tematiċi

Taħt konċentrazzjonijiet tematiċi, l-UE tista’ timmira ħtiġijiet speċifiċi għall-UE kollha. Ir-riżorsi taħt ġestjoni kondiviża jistgħu mbagħad jiġu kkonċentrati taħt dawn l-oqsma.

  • L-inugwaljanzi soċjali u l-faqar jibqgħu ta’ tħassib kbir. L-Istati Membri se jkollhom jallokaw mill-anqas 25% tar-riżorsi tal-FSE+ tagħhom biex jippromwovu l-inklużjoni soċjali. Barra minn hekk, il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) ġie integrat fl-FSE+ biex jipprovdi ikel u assistenza materjali bażika. L-Istati Membri kollha huma obbligati jiddedikaw mill-anqas 3% tar-riżorsi tal-FSE+ tagħhom għal dan il-għan.
  • Il-qgħad fost iż-żgħażagħ baqa’ persistentement għoli mill-kriżi ekonomika tal-2008, u kompla jiżdied matul il-pandemija tal-COVID-19. L-Istati Membri kollha jridu jallokaw ammont xieraq mir-riżorsi tagħhom b’ġestjoni kondiviża tal-FSE+ għal azzjonijiet immirati u riformi strutturali b’appoġġ għall-impjieg taż-żgħażagħ. L-Istati Membri li jaqbżu r-rata medja tal-UE ta’ żgħażagħ ta’ bejn il-15 u d-29 sena barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) għas-snin 2017-2019 għandhom jallokaw mill-anqas 12.5% tar-riżorsi tal-FSE+ tagħhom liż-żgħażagħ.
  • Il-livelli ta’ faqar fost it-tfal għadhom għoljin b’mod inaċċettabbli, u jkomplu jiżdiedu b’riżultat tat-tifqigħa tal-COVID-19. L-FSE+ jirrikjedi li l-Istati Membri l-aktar milqutin mill-faqar fost it-tfal jallokaw mill-anqas 5% tar-riżorsi tal-FSE+ tagħhom biex jimplimentaw miżuri biex dan jitnaqqas. L-Istati Membri l-oħrajn kollha għandhom jallokaw ammont xieraq għal dan il-għan.
  • Il-kapaċità tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili hi ċentrali għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-FSE+ u tal-politiki li l-Fond jappoġġja. L-Istati Membri kollha għandhom jallokaw ammont xieraq għall-bini tal-kapaċità tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili. L-Istati Membri li għandhom Rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż (CSR) tas-Semestru Ewropew f’dan il-qasam għandhom jallokaw mill-anqas 0.25% tar-riżorsi tal-FSE+ tagħhom b’ġestjoni kondiviża għal dan il-għan.

L-Istati Membri se jużaw l-FSE+ biex jindirizzaw il-kriżi soċjoekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19. Il-Fond se jappoġġja l-irkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-UE mill-kriżi billi jixpruna l-investiment fl-impjiegi, il-ħiliet u s-servizzi.