Għall-kuntrarju tal-fergħa l-oħra tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) il-biċċa l-kbira tal-fergħa tal-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) hi ġġestita mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea. Din il-ġestjoni diretta timplika li l-Kummissjoni Ewropea tniedi s-sejħiet għal proposti biex tagħti għotjiet lil proġetti kif ukoll sejħiet għal offerti għall-għoti ta’ kuntratti ta’ servizz u/jew ta’ provvista. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tagħti premjijiet. L-organizzazzjonijiet internazzjonali jimplimentaw parti żgħira tal-programm taħt ġestjoni indiretta.
L-attivitajiet huma deskritti fil-programmi ta’ ħidma annwali, abbozzati wara konsultazzjoni mal-Istati Membri tal-UE u l-partijiet ikkonċernati, inklużi r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.
Il-Grupp ta’ Ħidma Tekniku tal-EaSI taħt il-Kumitat tal-FSE+ (TWG tal-EaSI) hu magħmul minn rappreżentanti tal-gvern tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni Ewropea. It-TWG tal-EaSI jiddiskuti l-implimentazzjoni tal-fergħa tal-EaSI, b’mod partikolari l-programmi ta’ ħidma tiegħu. Aktar informazzjoni dwar it-TWG tal-EaSI tinstab fuq il-paġna tal-EaSI f’pajjiżek.
Il-programmi ta’ ħidma annwali tal-EaSI jinsabu hawnhekk.
X’inhuma l-għotjiet u l-offerti
Għotja hi kontribuzzjoni finanzjarja għall-appoġġ ta’ proġetti jew organizzazzjonijiet li jkomplu jwettqu l-interessi tal-UE jew jgħinu fl-implimentazzjoni ta’ programm jew politika tal-UE. L-għotjiet jingħataw wara sejħiet għal proposti, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx l-uniku wieħed li jista’ jew li għandu mnejn iwettaq l-azzjoni. Eċċezzjonijiet bħal dawn jidhru fil-programmi ta’ ħidma msemmija qabel.
Is-sejħiet għal proposti huma ppubblikati fuq il-portal tal-Finanzjament u tal-Offerti.
L-akkwist pubbliku jintuża mill-Kummissjoni għax-xiri ta’ servizzi u l-provvista meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programm, inklużi l-aktar is-servizzi intellettwali (rapporti statistiċi jew tal-awditjar, xogħol ta’ konsulenza, materjal ta’ komunikazzjoni, traduzzjoni, eċċ.)
L-offerti mnedija taħt l-EaSI huma ppubblikati hawnhekk; u l-akkwisti l-kbar huma ppubblikati wkoll fis-suppliment ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-pjattaforma tal-Akkwist elettroniku tal-istituzzjonijiet tal-UE: Ted – tenders electronic daily
Min jista’ jippartċipa?
L-offerti jingħataw skont ir-regoli tal-akkwist pubbliku li joħorġu mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. L-aċċess hu miftuħ għall-entitajiet kollha stabbiliti fl-Istati Membri u l-pajjiżi terzi koperti minn ftehim internazzjonali jew bilaterali.
Fir-rigward tal-għotjiet, il-parteċipazzjoni f’sejħiet għal proposti tal-EaSI hi miftuħa għal persuni u organizzazzjonijiet mill-pajjiżi li ġejjin:
- l-Istati Membri tal-UE (u l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej tagħhom);
- il-pajjiżi taż-ŻEE, skont il-Ftehim taż-ŻEE;
- il-pajjiżi aderenti mal-UE, il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali, f’konformità mal-ftehimiet qafas konklużi magħhom;
- il-pajjiżi terzi li ffirmaw ftehim biex jipparteċipaw fil-fergħa jew pajjiż terz elenkat fil-programm ta’ ħidma tal-EaSI, jekk meħtieġ għall-kisba tal-objettivi ta’ azzjoni. Madankollu, fil-każ tal-aħħar, l-organizzazzjonijiet stabbiliti f’tali pajjiż mhux tal-UE għandhom fil-prinċipju jġorru l-ispiża tal-parteċipazzjoni tagħhom.
Fl-aħħar nett, l-EaSI hu miftuħ wkoll għal kwalunkwe entità ġuridika maħluqa skont id-dritt tal-Unjoni jew kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali.