Il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) hu l-istrument ewlieni tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-investiment fin-nies u għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. B’baġit ta’ kważi €142.7 biljun għall-perjodu 2021-2027, il-FSE+ se jkompli jipprovdi kontribuzzjoni importanti għall-politiki tal-UE dwar l-impjiegi, dawk soċjali, dawk dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet, inklużi r-riformi strutturali f’dawn l-oqsma.
Il-Fond se jkun ukoll wieħed mill-pedamenti tal-irkupru soċjoekonomiku tal-UE mill-pandemija tal-coronavirus. Il-pandemija reġġgħet lura l-kisbiet fil-parteċipazzjoni fix-xogħol, sfidat is-sistemi edukattivi u tas-saħħa u żiedet l-inugwaljanzi. Il-FSE+ se jkun wieħed mill-istrumenti ewlenin tal-UE li se jgħin lill-Istati Membri jindirizzaw dawn l-isfidi.
Bħala parti mill-politika ta’ koeżjoni, l-FSE+ se jkompli wkoll il-missjoni tiegħu li jappoġġja l-koeżjoni ekonomika, territorjali u soċjali fl-UE – it-tnaqqis tad-disparitajiet bejn l-Istati Membri u r-reġjuni.
FSE+: erba’ fondi miġburin flimkien
Il-FSE+ jiġbor flimkien erba’ strumenti ta’ finanzjament li kienu separati fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-20: il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD), l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-Programm Ewropew għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI).
Kif l-FSE+ se jipprovdi appoġġ
L-appoġġ taħt l-FSE+ hu mmaniġġjat prinċipalment mill-Istati Membri, u l-Kummissjoni għandha rwol superviżorju. Għalhekk il-finanzjament isir permezz ta’:
- Il-fergħa ta’ ġestjoni kondiviża - implimentata mill-Istati Membri fi sħubija mal-Kummissjoni. Dawn ir-riżorsi għandhom baġit ta’ €142 biljun għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-27 (li minnhom €95.1 biljun mill-baġit tal-UE).
- Il-Fergħa tal-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) - implimentata mill-Kummissjoni b’baġit ta’ kważi €762 miljun għall-2021-2027.
Nibdlu l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali f’realtà
L-20 prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huma s-sinjal li jiggwidana lejn Ewropa soċjali b’saħħitha li tkun ġusta, inklużiva u mimlija opportunitajiet. Dawn huma konnessi b’mod ċar mal-FSE+ permezz tal-objettivi ewlenin tiegħu.